Guidance

Notice of rights and entitlements Maltese (PACE Code H) (accessible version)

Updated 18 December 2019

Att dwar it-Terroriżmu 2000

Ftakar id-drittijiet tiegħek waqt li tkun detenut:

Id-drittijiet f’dan l-Avviż huma ggarantiti lilek skont il-liġi tal-Ingilterra u Wales u huma konformi mad-Direttiva tal-UE 2012/13 dwar id-dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali.

Id-drittijiet tiegħek fl-għassa tal-pulizija huma miġbura fil-qosor f’din il-paġna

Hemm aktar informazzjoni fil-paragrafi 1 sa 11 fil-paġni li jmiss.

Id-dettalji sħaħ jinsabu fil-Kodiċi ta’ Prassi H tal-Pulizija.

  1. Għid lill-pulizija jekk tixtieq avukat biex jgħinek waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija. Dan huwa bla ħlas.

  2. Għid lill-pulizija jekk tixtieq tgħarraf lil xi ħadd li qiegħed l-għassa tal-pulizija. Dan huwa bla ħlas.

  3. Għid lill-pulizija jekk tixtieq tara r-regoli tagħhom – dawn jissejħu l-Kodiċijiet tal-Prassi (Codes of Practice).

  4. Għid lill-pulizija jekk teħtieġ għajnuna medika. Għid lill-pulizija jekk tħossok ma tiflaħx jew korrejt. L-għajnuna medika hija bla ħlas.

  5. Jekk tkun mistoqsi dwar l-involviment suspettat tiegħek fil-kummissjoni, fit-tħejjija jew fl-instigazzjoni ta’ atti tat-terroriżmu, tista’ ma tgħid xejn. Madankollu, jista’ jkun ta’ dannu għad-difiża tiegħek jekk ma ssemmi xejn meta tkun mistoqsi xi ħaġa li aktar tard tiddependi fuqha fil-qorti. Dak kollu li tgħid jista’ jintuża bħala evidenza.

  6. Il-pulizija jridu jgħidulek in-natura tal-involviment suspettat tiegħek fil-kummissjoni, it-tħejjija jew l-instigazzjoni ta’ atti tat-terroriżmu u għaliex ġejt arrestat u qed tiġi detenut.

  7. Il-pulizija għandhom iħallu lilek, jew lill-avukat tiegħek tara r-rekords u d-dokumenti dwar għaliex ġejt arrestat/a u għala qed tinżamm detenut/a u dwar iż-żmien tiegħek fl-għassa tal-pulizija.

  8. Jekk teħtieġ interpretu, il-pulizija jridu jipprovdulek wieħed. Tista’ wkoll ikollok traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti. Dan bla ħlas.

  9. Għid lill-pulizija jekk m’intix Brittaniku/a u tixtieq tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsulat tiegħek jew tixtieq tgħidilhom li qed tinżamm detenut. Dan huwa bla ħlas.

  10. Il-pulizija jridu jgħidulek għal kemm żmien ser iżommuk detenut/a.

  11. Jekk tiġi akkużat/a u l-każ tiegħek jittella’ l-qorti, inti, jew l-avukat tiegħek, ikollkom id-dritt li taraw l-evidenza tal-prosekuzzjoni qabel ma l-każ jinstema’ fil-qorti.

Jekk m’intix ċert dwar xi wħud minn dawn id-drittijiet, għid lill-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija.

Ara l-paġni wara s-sommarju għal aktar informazzjoni dwar kif il-pulizija għandhom jittrattawk u jieħdu ħsiebek

Din il-verżjoni tal-Avviż dwar Drittijiet u Intitolamenti tidħol fis-seħħ Il-21 ta’ Awwissu 2019

Jekk jogħġbok żomm din l-informazzjoni u aqraha mill-aktar fis possibbli. Din tgħinek tieħu deċiżjonijiet waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija.

1. Għaliex tikseb avukat biex jgħinek

  • Avukat jista’ jgħinek u jagħtik pariri dwar il-liġi.
  • Jekk titlob li tkellem avukat, dan ma jfissirx li int għamilt xi ħaġa ħażina.
  • L-Uffiċjal tal-Kustodja tal-Pulizija għandu jistaqsik jekk tixtieqx konsulenza legali. Dan huwa bla ħlas.
  • Il-pulizija għandhom iħalluk tkellem lill-avukat fi kwalunkwe ħin, billejl jew b’inhar, meta tkun f’għassa tal-pulizija.
  • Jekk titlob konsulenza legali, il-pulizija ġeneralment mhumiex permessi jistaqsuk mistoqsijiet sakemm int ikollok l-opportunità li tkellem lil avukat. Meta l-pulizija jistaqsu mistoqsijiet, tista’ titlob biex l-avukat ikun fil-kamra miegħek.
  • Jekk tgħid lill-pulizija li ma tixtieqx konsulenza legali iżda mbagħad tbiddel fehmtek, għid lill-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija li mbagħad jgħinek biex tikkuntattja avukat.
  • Jekk l-avukat ma jiġix jew ma jikkuntattjakx fl-għassa tal-pulizija, jew tkun teħtieġ terġa’ tkellem lill-avukat, itlob lill-pulizija biex jerġgħu jikkuntattjawh.
  • Tista’ tistaqsi biex tkellem avukat li taf u ma jkollokx għalfejn tħallas jekk dawn jagħmlu ħidma ta’ għajnuna legali. Jekk ma taf bl-ebda avukat jew l-avukat li taf ma jistax jiġi kkuntattjat, tista’ tkellem lill-avukat tal-għassa. Dan huwa bla ħlas.
  • L-avukat tal-għassa m’għandu x’jaqsam xejn mal-pulizija.

Biex tagħmel arranġamenti għal konsulenza legali bla ħlas:

  • Il-pulizija jikkuntattjaw liċ-Ċentru tat-Telefonati tal-Avukati tad-Difiża (Defence Solicitor Call Centre – DSCC). Id-DSCC jagħmel arranġamenti għall-konsulenza legali li trid tingħata minn avukat li staqsejt għalih jew mill-Avukat tal-Għassa.
  • Id-DSCC huwa servizz indipendenti responsabbli biex jagħmel arranġamenti għal konsulenza legali bla ħlas u m’għandu x’jaqsam xejn mal-pulizija.

Jekk tixtieq tħallas għal konsulenza legali int stess:

  • Fil-każijiet kollha tista’ tħallas għall-konsulenza legali jekk tixtieq.
  • Id-DSCC jikkuntattjaw lill-avukat tiegħek stess f’ismek.
  • Int intitolat/a titkellem privatament mal-avukat tal-għażla tiegħek fuq it-telefown jew inkella jista’ jiddeċiedi li jiġi jarak fl-għassa tal-pulizija.
  • Jekk l-avukat tal-għażla tiegħek ma jistax jiġi kkuntattjat, il-pulizija xorta jistgħu jċemplu lid-DSCC biex jagħmlu arranġamenti għal konsulenza legali bla ħlas mill-Avukat tal-Għassa.

2. Kif tgħid lil xi ħadd li qiegħed l-għassa tal-pulizija

  • Tista’ titlob lill-pulizija biex jikkuntattjaw lil xi ħadd li jeħtieġ ikun jaf li inti qiegħed l-għassa tal-pulizija. Dan huwa bla ħlas.
  • Huma jikkuntattjaw lil xi ħadd f’ismek mill-aktar fis possibbli għalihom.

3. Biex tagħti ħarsa lejn il-Kodiċijiet ta’ Prassi

  • Il-Kodiċijiet ta’ Prassi huma regoli li jgħidulek x’jistgħu jew x’ma jistgħux jagħmlu l-pulizija waqt li int tkun l-għassa tal-pulizija. Dawn jinkludu dettalji tad-drittijiet miġbura fil-qosor f’dan l-Avviż.
  • Il-pulizija jħalluk taqra l-Kodiċijiet ta’ Prassi, iżda ma tistax tagħmel dan jekk dan ixekkel lill-Pulizija milli jsiru jafu jekk inti ksirtx il-liġi.
  • Jekk tixtieq taqra l-Kodiċijiet ta’ Prassi, għid lill-Uffiċjal tal-Kustodja tal-Pulizija.

4. Kif tikseb għajnuna medika jekk tħossok ma tiflaħx jew korrejt

  • Għid lill-pulizija jekk tħossok ma tiflaħx jew korrejt. Huma jsejħu tabib jew infermiera jew persuna professjonali oħra mill-qasam tal-kura tas-saħħa u dan isir bla ħlas.
  • Tista’ tiġi permess li tieħu l-mediċina tiegħek stess, iżda l-ewwel il-pulizija jkunu jridu jiċċekkjawha. Ġeneralment l-ewwel tiġi tarak infermiera, iżda l-pulizija jibagħtu għal tabib jekk ikollok bżonn wieħed. Tista’ titlob biex tara tabib ieħor, iżda jista’ jkun li jkollok tħallas għal dan.

5. Id-dritt li ma tgħid xejn

Jekk tkun interrogat/a dwar l-involviment suspettat, fil-kummissjoni, fit-tħejjija jew jew fl-instigazzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu, inti tista’ ma tgħid xejn.

Madankollu, jista’ jkun ta’ dannu għad-difiża tiegħek jekk ma ssemmi xejn meta tkun mistoqsi xi ħaġa li aktar tard tiddependi fuqha fil-qorti.

Dak kollu li tgħid jista’ jintuża bħala evidenza.

6. Kif issir taf għaliex ġejt arrestat u detenut

  • Il-pulizija jridu jagħtuk l-informazzjoni sabiex tkun tista’ tifhem għaliex ġejt arrestat/a u għaliex inti suspettat/a li int involut/a fil-kummissjoni, fit-tħejjija jew fl-instigazzjoni tat-terroriżmu.
  • Fl-għassa tal-pulizija, il-pulizija jridu jgħidulek għaliex jemmnu li għandek tinżamm detenut/a.
  • Qabel ma jsirulek xi mistoqsijiet dwar l-involviment suspettat tiegħek fit-terroriżmu, il-pulizija jridu jagħtu lilek jew lill-avukat tiegħek biżżejjed informazzjoni dwar x’jaħsbu huma li int għamilt biex tkun tista’ tiddefendi lilek innifsek, iżda dan ma jsirx f’ħin li jista’ jkun ta’ ħsara għall-istħarriġ talpulizija.
  • Dan japplika għal kull offiża oħra fejn il-pulizija jissuspettaw fik.

7. Kif tara r-rekords u d-dokumenti dwar l-arrest u d-detenzjoni tiegħek

  • Meta tkun detenut f’għassa tal-pulizija, il-pulizija jridu:

    • Jirreġistraw ir-rekord tal-kustodja tiegħek, ir-raġuni u l-ħtieġa għall-arrest tiegħek u għaliex jemmnu li kien hemm bżonn li tiġi detenut.
    • Iħallu lilek, u lill-avukat tiegħek, tara dawk ir-rekords. L-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija jirranġa dan.
  • Il-pulizija jridu jagħtu aċċess lilek jew lill-avukat tiegħek għad-dokumenti u l-materjali li huma essenzjali biex b’mod effettiv tisfida l-legalità tal-arrest u d-detenzjoni tiegħek.

8. Kif tikseb interpretu u traduzzjonijiet ta’ ċerti dokumenti biex jgħinek

  • Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bl-Ingliż, il-pulizija jagħmlu arranġamenti biex xi ħadd li jitkellem il-lingwa tiegħek jiġi jgħinek. Dan huwa bla ħlas.
  • Jekk inti nieqes mis-smiegħ jew għandek diffikultà biex titkellem, il-pulizija jagħmlu arranġamenti għal interpretu Ingliż tal-Lingwa Ingliża bis-Sinjali biex jiġi jgħinek. Dan huwa bla ħlas.
  • Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bl-Ingliż, il-pulizija ser jitolbu lill-interpretu biex jgħidlek għaliex qed iżommuk. Dan għandu jsir kull darba li l-pulizija tiddeċiedi li żżommok taħt kustodja.
  • Wara kull deċiżjoni biex tinżamm taħt kustodja u wara li tkun ġejt akkużat b’offiża, il-pulizija għandha wkoll tagħtik rekord bil-lingwa tiegħek stess dwar għaliex tkun qed tinżamm u dwar l-offiża li tkun ġejt akkużat biha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali għaliex dan ma jsirx. Dawn huma:
    • Jekk tiddeċiedi li ma teħtieġx ir-rekord biex tiddefendi ruħek minħabba li tifhem bis-sħiħ dak kollu li jkun għaddej u l-konsegwenzi jekk tirrinunzja għad-dritt tiegħek għar-rekord u kellek l-opportunità li tistaqsi lil avukat għal għajnuna biex tiddeċiedi. Jeħtieġ ukoll li tagħti l-kunsens tiegħek bil-miktub.
    • Jekk traduzzjoni orali jew sommarju permezz ta’ interpretu minflok traduzzjoni bil-miktub ikunu biżżejjed għalik biex tiddefendi ruħek u biex tifhem bis-sħiħ dak kollu li jkun għaddej. L-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija għandu wkoll jawtorizza dan.
  • Meta l-pulizija jistaqsu mistoqsijiet u ma jagħmlux reġistrazzjoni tal-awdjo, l-interpretu jirreġistra l-mistoqsijiet u t-tweġibiet tiegħek fil-lingwa tiegħek stess. Tkun tista’ tiċċekkja dan qabel ma tiffirmah bħala rekord preċiż.
  • Jekk tixtieq tagħmel stqarrija lill-pulizija, l-interpretu jagħmel kopja ta’ dik l-istqarrija bil-lingwa tiegħek stess sabiex inti tiċċekkjaha u tiffirmaha bħala korretta.
  • Int intitolat ukoll għal traduzzjoni ta’ dan l-Avviż. Jekk m’hemmx traduzzjoni disponibbli, għandek tingħata l-informazzjoni permezz ta’ interpretu u tiġi pprovdut/a bi traduzzjoni mingħajr dewmien bla bżonn.

9. Kif tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsulat tiegħek

Jekk m’intix Brittaniku, tista’ tgħid lill-pulizija li tixtieq tikkuntattja lill-Kummissjoni Għolja, lill-Ambaxxata jew lill-Konsulat tiegħek biex tgħidilhom fejn inti u għalfejn qiegħed fl-għassa tal-pulizija. Jistgħu wkoll iżuruk privatament jew jagħmlu arranġamenti biex jiġi jarak avukat.

10. Għal kemm żmien tista’ tinżamm?

  • Tista’ tinżamm biss aktar minn 48 siegħa mingħajr ma tiġi mħarrek jekk qorti tippermetti lill-pulizija biex iżommuk għal aktar ħin. Il-qrati għandhom l-awtorità li jestendu l-perjodu ta’ detenzjoni mingħajr akkuża sa massimu ta’ 14-il jum mill-arrest tiegħek.
  • Kull tant żmien uffiċjal superjuri tal-pulizija għandu jagħti ħarsa lejn il-każ tiegħek biex jara jekk għandekx tinżamm detenut. Din tissejjaħ reviżjoni. Sakemm ma tkunx fi stat ħażin, inti għandek id-dritt li tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar din id-deċiżjoni. L-avukat tiegħek ukoll għandu d-dritt li jesprimi opinjoni dwar din id-deċiżjoni f’ismek.
  • Jekk l-uffiċjal tar-reviżjoni ma jilliberakx, iridu jgħidulek għaliex u r-raġuni għandha tiġi rreġistrata fir-rekord tal-kustodja tiegħek.
  • Jekk id-detenzjoni tiegħek m’għadhiex neċessarja trid tiġi lliberat/a.
  • Meta l-pulizija jitolbu lill-qorti biex jestendu d-detenzjoni tiegħek:
    • Trid tingħata avviż bil-miktub li jinformak meta se jseħħ is-smigħ u r-raġunijiet għaliex qed jippruvaw jestendu d-detenzjoni tiegħek.
    • Trid tittella’ l-qorti għas-smigħ.
    • Għandek id-dritt li jkollok avukat miegħek fil-qorti.
    • Il-pulizija jkunu permessi biss li jżommuk taħt kustodja jekk il-qorti temmen li dan huwa neċessarju u li l-pulizija qed jinvestigaw il-każ tiegħek b’attenzjoni u mingħajr dewmien bla bżonn.
  • Jekk il-pulizija għandhom biżżejjed evidenza biex jibagħtuk il-qorti, tista’ tiġi mħarrek fl-għassa tal-pulizija jew bil-posta, biex tidher fil-qorti biex tinstema’ l-kawża.

Reviżjonijiet u estensjoni tad-detenzjoni

  • Jista’ jkun hemm okkażjonijiet fejn tista’ tiġi detenut/a għal aktar minn 48 siegħa wara li tiġi arrestat/a. F’dawn iċ-ċirkostanzi, trid tingħata dan li ġej:
    • Dokument bil-miktub li saret l-applikazzjoni biex tiġi estiża ddetenzjoni tiegħek;
    • Iż-żmien meta saret l-applikazzjoni;
    • Iż-żmien meta l-applikazzjoni se tinstema’ fil-qorti u
    • Ir-raġuni(jiet) għaliex qed tintalab detenzjoni ulterjuri.

Irid ukoll jingħata avviż lilek (u lir-rappreżentant legali tiegħek) kull meta ssir applikazzjoni biex id-detenzjoni tiegħek tiġi estiża jew estiża ulterjorment.

11. Aċċess għall-evidenza jekk il-każ tiegħek jittella’ l-Qorti

Jekk tiġi mħarrek/mħarrka b’offiża, inti jew l-avukat tiegħek għandkom tiġu permessi taraw l-evidenza kontrik kif ukoll l-evidenza li tista’ tgħinek fid-difiża tiegħek. Dan għandu jsir qabel ma tibda l-kawża tiegħek. Il-pulizija u s-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna għandhom jagħmlu arranġamenti għal dan u jipprovdu aċċess għad-dokumenti u l-materjali rilevanti.

Xi affarijiet oħrajn li għandek tkun taf meta tkun l-għassa tal-pulizija

Kif għandek tiġi ttrattat/a u kif għandhom jieħdu ħsiebek

Dawn in-noti jgħidulek dwar x’tista’ tistenna waqt li tkun qed tinżamm fl-għassa tal-pulizija. Biex issir taf aktar, itlob biex tara l-Kodiċijiet ta’ Prassi. Dawn jinkludu lista ta’ fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kull waħda minn dawn l-affarijiet. Staqsi lill-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija jekk għandek xi mistoqsijiet.

Persuni li jeħtieġu għajnuna

  • Jekk inti għandek anqas minn 18-il sena jew inti vulnerabbli, pereżempju jekk għandek diffikultajiet fit-tagħlim jew problemi ta’ saħħa mentali, mela inti għandek id-dritt li jkollok lil xi ħadd miegħek meta l-pulizija jagħmlu ċerti affarijiet. Din il-persuna tissejjaħ “l-adult xieraq” tiegħek u tingħata kopja ta’ dan l-Avviż.
  • L-adult xieraq tiegħek jgħinek tifhem x’qed jiġri u jieħu ħsieb l-interessi tiegħek. Huwa għandu jkun miegħek meta l-pulizija jgħidulek dwar id-drittijiet tiegħek u għaliex tkun qed tinżamm fl-għassa tal-pulizija. Dan l-adult għandu jkun miegħek ukoll meta l-pulizija jaqrawlek it-twissija tal-pulizija.
  • L-adult xieraq tiegħek jista’ wkoll jistaqsi għal avukat f’ismek.
  • Tista’ tkellem lill-avukat tiegħek mingħajr ma jkun hemm l-adult xieraq tiegħek jekk tixtieq.
  • Il-pulizija għandhom mnejn ikunu jeħtieġu wkoll li jagħmlu waħda mill-affarijiet elenkati hawn taħt waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija. Sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali, l-adult xieraq tiegħek għandu jkun miegħek il-ħin kollu jekk il-pulizija jagħmlu kwalunkwe waħda minn dawn l-affarijiet:
    • Jintervistawk jew isaqsuk tiffirma dikjarazzjoni bil-miktub jew noti tal-pulizija.
    • Tneħħi aktar mill-ħwejjeġ ta’ fuq tiegħek biex ifittxu l-persuna tiegħek.
    • Jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek, ritratt jew DNA jew kampjun ieħor.
    • Iwettqu kwalunkwe ħaġa rigward proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ xhieda.
  • L-adult xieraq tiegħek għandu jingħata ċ-ċans li jkun disponibbli personalment jew fuq it-telefown biex jgħinek meta l-pulizija jirrevedu l-każ tiegħek biex jaraw jekk għandekx tinżamm aktar fit-tul.
  • Jekk l-adult xieraq tiegħek huwa disponibbli, dan għandu wkoll ikun preżenti meta l-pulizija jakkużawk b’offiża.

Kif tikseb dettalji dwar i-żmien tiegħek fl-għassa tal-pulizija

  • Dak kollu li jiġrilek waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija jiġi rreġistrat. Dan jissejjaħ ir-Rekord tal-Kustodja (Custody Report).
  • Meta titlaq mill-għassa tal-pulizija, inti, l-avukat tiegħek jew l-adult xieraq tiegħek jista’ jitlob kopja tar-Rekord tal-Kustodja. Il-pulizija jridu jagħtuk kopja tar-Rekord tal-Kustodja tiegħek hekk kif ikunu jistgħu.
  • Tista’ titlob lill-pulizija għal kopja tar-Rekord tal-Kustodja tiegħek sa 12-il xahar wara li tkun tlaqt mill-għassa tal-pulizija.

Kif iżżomm kuntatt

  • Barra milli tkellem lil avukat u persuna tkun mgħarrfa dwar l-arrest tiegħek, ġeneralment tkun permess/a li tagħmel telefonata waħda.
  • Itlob lill-pulizija jekk tixtieq tagħmel telefonata.
  • Tista’ titlob ukoll pinna u karta.
  • Jista’ jkun li jkollok viżitaturi iżda l-uffiċjal tal-kustodja jista’ jirrifjuta li jippermetti dan.

Iċ-Ċella Tiegħek

  • Jekk possibbli għandek tinżamm f’ċella għalik.
  • Din għandha tkun nadifa, sħuna u mixgħula.
  • Il-friex tas-sodda għandu jkun nadif u pulit.
  • Għandek tkun permess/a tuża d-WC u tinħasel.

Ħtiġijiet personali – saħħa, iġjene u benesseri

  • Trid tiġi mistoqsi/ja jekk tixtieqx titkellem b’mod privat ma’ membru tal-persunal tal-kustodja dwar kwalunkwe ħtieġa personali relatata mas-saħħa, l-iġjene u l-benesseri tiegħek li tista’ taffettwa jew tħassbek waqt li tkun arrestat/a.
  • Il-pulizija jagħmlu arranġamenti biex jipprovdulek il-prodotti meqjusa bħala neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħek. Jekk tixtieq, il-persuna li tkellmek tista’ tkun tal-istess sess tiegħek.
  • Jekk int mara ta’ 18-il sena jew aktar, trid tiġi mistoqsija jekk teħtieġx jew intix probabbli li tkun teħtieġ xi prodotti menstrwali waqt li int tkun arrestata u għandhom jgħidulek jekk:
    • il-prodotti sejrin jiġu pprovduti bla ħlas;
    • hemm prodotti ta’ sostituzzjoni disponibbli; u
    • il-prodotti jistgħu jiġu pprovduti mill-familja jew mill-ħbieb tiegħek bi spiża tagħhom jekk l-uffiċjal tal-kustodja jaqbel ma’ dan.
  • Jekk int tfajla taħt it-18-il sena, l-uffiċjal tal-kustodja se jiżgura li hemm mara fl-għassa tal-pulizija biex tieħu ħsiebek u biex tistaqsik dwar il-ħtiġijiet personali tiegħek u l-prodotti menstrwali.

Il-Ħwejjeġ

Jekk jeħdulek il-ħwejjeġ tiegħek stess, il-pulizija għandhom jipprovdulek għamla alternattiva ta’ lbies.

Ikel u xorb

Għandek tkun offrut/a 3 ikliet kuljum bix-xorb. Tista’ wkoll tingħata xarba bejn l-ikliet.

Eżerċizzju

Jekk possibbli, għandek tingħata permess toħroġ barra kuljum għall-arja friska.

Meta l-pulizija jinterrogawk

  • Il-kamra għandha tkun nadifa, sħuna u mixgħula.
  • Ma għandekx għalfejn toqgħod bilwieqfa.
  • L-Uffiċjali tal-Pulizija għandhom jgħidulek isimhom u l-grad tagħhom.
  • Għandu jkollok pawża fil-ħinijiet normali tal-ikel u pawża għal xarba wara madwar sagħtejn.
  • Għandek tkun permess/a tal-anqas 8 sigħat ta’ mistrieħ fi kwalunkwe 24 siegħa waqt li tkun f’kustodja.

Ħtiġijiet Reliġjużi

Għid lill-pulizija jekk tixtieqx xi ħaġa biex tgħinek tippratika r-reliġjon tiegħek waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija. Jistgħu jipprovdu kotba reliġjużi u oġġetti oħra, kif meħtieġ.

Okkażjonijiet meta r-regoli normali huma differenti

Biex tikseb avukat biex jgħinek

Hemm okkażjonijiet meta l-pulizija jkollhom bżonn jistaqsuk mistoqsijiet b’mod urġenti qabel ma inti tkun tkellimt mal-avukat tiegħek. Informazzjoni dwar dawn tingħata fil-Kodiċijiet ta’ Prassi. Dawn jistabbilixxi x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu l-pulizija waqt li inti tkun fl-għassa tal-pulizija. Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fil-paragrafu 6.7 tal-Kodiċi H tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Hemm okkażjoni waħda meta l-pulizija ma jħallukx titkellem mal-avukat li tkun għażilt int. Meta jseħħ dan inti għandek tkun permess/a tagħżel avukat ieħor. Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fl-Anness B tal-Kodiċi H tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Hemm okkażjoni waħda meta l-pulizija ma jħallukx titkellem mal-avukat tiegħek privatament. Dan meta uffiċjal superjuri ħafna tal-pulizija jagħti l-awtorità lil spettur bl-uniformi biex ikun preżenti. Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fil-paragrafu 6.5 tal-Kodiċi H tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Biex tgħid lil xi ħadd li inti qiegħed/qiegħda fl-għassa tal-pulizija

Hemm okkażjonijiet meta l-pulizija ma jippermettukx tikkuntattja lil ħadd. Informazzjoni dwar dawn tingħata fil-Kodiċijiet ta’ Prassi. Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fl-Anness B tal-Kodiċi H tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Viżitaturi Indipendenti tal-Kustodja

Hemm membri tal-komunità li huma permessi b’aċċess għal għases tal-pulizija mingħajr ma jitħabbru. Dawn jissejħu viżitaturi indipendenti tal-kustodja u jaħdmu fuq bażi volontarja biex jiżguraw li l-persuni detenuti qed jiġu ttrattati tajjeb u għandhom aċċess għal drittijiet.

Inti m’għandekx dritt tara viżitatur indipendenti tal-kustodja u ma tistax titlob li jiġi jżurek viżitatur indipendenti tal-kustodja. Jekk viżitatur indipendenti tal-kustodja jiġi jżurek waqt li tkun f’kustodja dan ikun qed jaġixxi indipendentement mill-pulizija biex jiċċekkja li l-benesseri u d-drittijiet tiegħek ġew imħarsa. Madankollu, ma hemmx għalfejn tkellimhom jekk ma tixtieqx.

Kif tressaq ilment

Jekk tixtieq tressaq ilment dwar il-mod kif ġejt ittrattat/a, itlob biex tkellem lil uffiċjal tal-pulizija li huwa spettur jew grad ogħla. Wara li tinħeles, tista’ wkoll tippreżenta ilment fi kwalunkwe għassa tal-pulizija, lill-Uffiċċju Indipendenti għall-Kondotta talPulizija (Independent Office for Police Conduct - IOPC) jew permezz ta’ avukat jew l-MP tiegħek f’ismek.