Guidance

Applika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta' Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (status ta’ stabbilit u status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit): Traduzzjoni bil-Malti

Gwida għaċ-ċittadini tal-UE, taż-ŻEE u dawk Żvizzeri u l-membri tal-familja tagħhom li qed japplikaw għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta' Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE.

Ħarsa Ġenerali

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru, int u l-familja tiegħek tistgħu tapplikaw għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE biex tkomplu tgħixu fir-Renju Unit wara t-30 ta’ Ġunju 2021. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tgħaddi, int tingħata l-istatus ta’ stabbilit jew l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit.

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Tista’ toqgħod fir-Renju Unit mingħajr ma tapplika - pereżempju, jekk int ċittadin Irlandiż jew għandek awtorizzazzjoni indefinita għar-residenza.

Irreġistra għal aġġornamenti bl-email dwar l-iskema.

Meta tista’ tapplika

L-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE hija miftuħa. Tista’ tapplika issa jekk tissodisfa l-kriterji.

Id-data ta’ skadenza biex tapplika hija t-30 ta’ Ġunju 2021.

Liema status tingħata jista’ jiddependi fuq meta tapplika.

Jekk ir-Renju Unit joħroġ mingħajr ftehim

Biex tapplika, teħtieġ li tkun qed tgħix fir-Renju Unit qabel ma joħroġ mill-UE. Id-data ta’ skadenza biex tapplika se tkun il-31 ta’ Diċembru 2020.

Miżati

Ma tridx tħallas biex tapplika għall-iskema.

Jekk ħallast miżata meta applikajt għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE, tingħata rimborż.

Min għandu japplika

Għajr għal xi ftit każijiet, teħtieġ tapplika jekk:

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Dan ifisser li teħtieġ tapplika anke jekk int:

Min iktar jista’ japplika

Jista’ jkun li tista’ tapplika jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru iżda:

  • kellek membru tal-familja mill-UE, iż-ŻEE jew l-Iżvizzera li jgħix fir-Renju Unit (iżda sseparajtu, jew issa miet)

  • int il-membru tal-familja ta’ ċittadin Brittaniku u għextu flimkien barra mir-Renju Unit f’pajjiż taż-ŻEE
  • int il-membru tal-familija ta’ ċittadin Brittaniku li għandu wkoll ċittadinanza tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzera u li għex fir-Renju Unit bħala ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru qabel ma kiseb iċ-ċittadinanza Brittanika
  • int il-carer primarju ta’ ċittadin Brittaniku, tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru
  • int it-tifel/tifla ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li kien jgħix u jaħdem fir-Renju Unit jew il-carer primarju tat-tifel/tifla

Aqra l-gwida dwar kif tapplika jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru.

Min ma jeħtieġx li japplika

Ma teħtieġx tapplika jekk int għandek:

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru u ġejt toqgħod fir-Renju Unit qabel ma ngħaqad mal-UE

Teħtieġ tapplika biss jekk m’għandekx awtorizzazzjoni indefinita għar-residenza. Jekk għandek awtorizzazzjoni indefinita għar-residenza, normalment ikollok timbru fil-passaport tiegħek jew ittra mill-Uffiċċju tal-Intern li tgħid dan.

Jekk taħdem fir-Renju Unit iżda ma tgħix hawn (“ħaddiem transkonfinali”)

Ma teħtieġx tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE jekk int “ħaddiem transkonfinali”.

Aqra l-gwida għall-ħaddiema transkonfinali biex tkun taf:

  • jekk tikkwalifikax bħala ħaddiem transkonfinali
  • x’se jkunu d-drittijiet tiegħek
  • x’jeħtieġu jagħmlu l-membri tal-familija tiegħek biex jibqgħu fir-Renju Unit

Jekk int eżenti mill-kontroll tal-immigrazzjoni

Ma tistax tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-Ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme). M’inti meħtieġ tagħmel xejn biex tkompli tgħix fir-Renju Unit waqt li tkun eżenti mill-kontroll tal-immigrazzjoni.

Ikunu qalulek li int eżenti mill-kontroll tal-immigrazzjoni, pereżempju billi int:

  • persuna diplomatika barranija ssekondata fir-Renju Unit
  • membru tan-NATO

Jekk ma tibqax eżenti, pereżempju, jekk tibdel l-impjieg, normalment teħtieġ tapplika għall-iskema fi żmien 90 ġurnata. Tkun tista’ tapplika wara d-data ta’ skadenza tat-30 ta’ Ġunju 2021, sakemm tkun qed tgħix fir-Renju Unit qabel il-31 ta’ Diċembru 2020.

Dak li tingħata

Id-drittijiet u l-istatus taċ-ċittadini tal-UE, taż-ŻEE u tal-Iżvizzera li jgħixu fir-Renju Unit se jibqgħu l-istess sat-30 ta’ Ġunju 2021, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Jekk jirnexxielek tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE, tkun tista’ tkompli tgħix u taħdem fir-Renju Unit wara t-30 ta’ Ġunju 2021.

Int se tingħata jew:

  • status ta’ stabbilit
  • status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit

Ma tintalabx tagħżel għal liema qed tapplika. L-istatus li tingħata jiddependi fuq kemm tkun ilek tgħix fir-Renju Unit meta tapplika. Id-drittijiet tiegħek ikunu differenti skont liema status tingħata.

Status ta’ stabbilit

Normalment tingħata l-istatus ta’ stabbilit jekk:

  • tkun bdejt tgħix fir-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 2020 (jew sad-data meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim)
  • tkun għext fir-Renju Unit għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin (magħrufa bħala “residenza kontinwa”)

Residenza kontinwa ta’ ħames snin tfisser li għal 5 snin wara xulxin tkun fir-Renju Unit, iċ-Channel Islands jew l-Isle of Man għal tal-inqas 6 xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar.

L-eċċezzjonijiet huma:

  • perjodu wieħed sa 12-il xahar għal raġuni importanti (pereżempju, twelid, mard serju, studju, taħriġ vokazzjonali jew kollokament tax-xogħol barra mill-pajjiż)
  • servizz militari obbligatorju ta’ kwalunkwe durata
  • perjodu li qattajt barra mill-pajjiż bħala uffiċjal tal-Kuruna, jew bħala membru tal-familja ta’ uffiċjal tal-Kuruna
  • perjodu li qattajt barra mill-pajjiż fil-forzi armati, jew bħala membru tal-familja ta’ xi ħadd fil-forzi armati

Tista’ tibqa tgħix fir-Renju Unit għal kemm trid jekk tingħata status ta’ stabbilit. Tkun tista’ wkoll tapplika għal ċittadinanza Brittanika jekk int eliġibbli.

Status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit

Jekk ma jkollokx residenza kontinwa ta’ 5 snin meta tapplika, normalment tingħata l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit. Trid tkun bdejt tgħix fir-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 2020 (jew sad-data meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim).

Imbagħad tista’ tapplika biex tibdel dan għal status ta’ stabbilit ladarba jkollok residenza kontinwa ta’ 5 snin.

Jekk tilħaq residenza kontinwa ta’ 5 snin f’xi punt qabel it-30 ta’ Diċembru 2020, tista’ tagħżel li tistenna biex tapplika meta tilħaq residenza kontinwa ta’ 5 snin. Dan ifisser li jekk l-applikazzjoni tiegħek tirnexxi, tingħata status ta’ stabbilit mingħajr ma l-ewwel ikollok tapplika għall-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit.

Tista’ tibqa’ tgħix fir-Renju Unit għal 5 snin addizzjonali mid-data li tingħata l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit.

Id-drittijiet tiegħek bl-istatus ta’ stabbilit jew l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit (settled or pre-settled status).

Int tkun tista’:

  • taħdem fir-Renju Unit
  • tuża l-NHS
  • tirreġistra għall-edukazzjoni jew tkompli tistudja
  • taċċessa fondi pubbliċi bħall-benefiċċji u l-pensjonijiet, jekk int eliġibbli għalihom
  • tivvjaġġa minn u lejn ir-Renju Unit

Jekk tixtieq tqatta’ xi żmien barra mir-Renju Unit

Jekk għandek l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit, tista’ tqatta’ sa ħames snin wara xulxin barra mir-Renju Unit mingħajr ma titlef l-istatus tiegħek.

Jekk int ċittadin Żvizzeru, int u l-membri tal-familja tiegħek tistgħu tqattgħu sa erba’ snin wara xulxin barra mir-Renju Unit mingħajr ma titilfu l-istatus ta’ stabbilit tagħkom.

Jekk għandek l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit, tista’ tqatta’ sa sentejn wara xulxin barra mir-Renju Unit mingħajr ma titlef l-istatus tiegħek. Tkun teħtieġ iżżomm ir-residenza kontinwa tiegħek jekk tixtieq tikkwalifika għall-istatus ta’ stabbilit.

Jekk ikollok it-tfal wara li tapplika

Jekk tingħata status ta’ stabbilit, it-tfal li jitwieldu fir-Renju Unit waqt li tkun tgħix hawn awtomatikament ikunu ċittadini Brittaniċi.

Jekk tingħata status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit, it-tfal li jitwieldu fir-Renju Unit ikunu awtomatikament eliġibbli għall-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit. Isiru ċittadini Brittaniċi biss jekk jikkwalifikaw għal dan permezz tal-ġenitur l-ieħor tagħhom.

Jekk tixtieq iġġib il-membri tal-familja fir-Renju Unit

Il-membri tal-familja qraba tiegħek jistgħu jingħaqdu miegħek fir-Renju Unit qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 (jew qabel il-31 ta’ Diċembru 2025 jekk int ċittadin Żvizzeru). Huma jeħtieġu japplikaw għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE ladarba jkunu hawn.

Jista’ jkun li xorta tista’ ġġib il-membri tal-familja wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Dan jiddependi minn fejn inti, meta bdiet ir-relazzjoni tiegħek mal-membru tal-familja, u jekk ir-Renju Unit joħroġx mill-UE bi ftehim jew mingħajru.

Jekk ma tistax iġġib il-membru tal-familja tiegħek taħt l-Iske,a għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE, jista’ jkun li xorta jkunu jistgħu jiġu hawn b’mod differenti, pereżempju, b’viża tal-familja.

Jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE bi ftehim

Jekk int ċittadin ta’ pajjiż tal-UE, tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein jew tan-Norveġja, tkun tista’ ġġib fir-Renju Unit il-membri tal-familja qraba wara l-31 ta’ Diċembru 2020 jekk japplikaw dawn it-tnejn li ġejjin:

  • ir-relazzjoni tiegħek magħhom bdiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2020
  • tkunu għadkom fir-relazzjoni meta japplikaw biex jingħaqdu miegħek.

Jekk int ċittadin Żvizzeru, tkun tista’ ġġib fir-Renju Unit il-membri tal-familja qraba wara l-31 ta’ Diċembru 2025 jekk japplikaw dawn it-tnejn li ġejjin:

  • ir-relazzjoni tiegħek magħhom bdiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2025
  • tkunu għadkom fir-relazzjoni meta japplikaw biex jingħaqdu miegħek

Jekk ir-Renju Unit mill-UE joħroġ mingħajr ftehim

Jekk int ċittadin tal-UE, id-data ta’ skadenza biex il-membri tal-familja qraba jingħaqdu miegħek fir-Renju Unit hija d-29 ta’ Marzu 2022. Tkun tista’ ġġibhom hawn biss jekk:

  • ir-relazzjoni tiegħek magħhom bdiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2020
  • tkunu għadkom fir-relazzjoni meta japplikaw biex jingħaqdu miegħek.

Jekk int ċittadin tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja jew tal-Iżvizzera, tkun tista’ ġġib il-membri tal-familja qraba wara li r-Renju Unit joħroġ mill-UE jekk japplikaw dawn it-tnejn li ġejjin:

  • ir-relazzjoni tiegħek magħhom bdiet qabel ma r-Renju Unit ħareġ mill-UE
  • tkunu għadkom fir-relazzjoni meta japplikaw biex jingħaqdu miegħek.

X’teħtieġ biex tapplika

Meta tapplika, teħtieġ prova ta’:

  • l-identità tiegħek
  • ir-residenza tiegħek fir-Renju Unit, sakemm m’għandekx dokumenti ta’ residenza permanenti validu, jew awtorizzazzjoni indefinita valida għar-residenza jew għad-dħul fir-Renju Unit

Prova tal-identità

Teħtieġ passaport jew karta tal-identità nazzjonali valida. Teħtieġ ukoll tipprovdi ritratt diġitali ta’ wiċċek.

Jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, tista’ tuża kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

Jekk m’għandekx ebda waħda minn dawn, tista’ tuża evidenza oħra f’ċerti sitwazzjonijiet. Ikkuntattja liċ-Ċentru tar-Riżoluzzjonijiet tal-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Resolution Centre) jekk m’għandekx dokument tal-identità.

Meta tapplika, tista’ jew:

  • tiskenja d-dokument tiegħek u ttella’ r-ritratt tiegħek permezz tal-app għal Android ‘Ħruġ mill-UE: Verifika tad-Dokumenti tal-Identità’
  • tibgħat id-dokument tiegħek biex posta u ttella’ r-ritratt tiegħek billi tuża l-applikazzjoni online (tista’ tieħu dan int stess)

Skenja d-dokument tiegħek

Tista’ tuża biss l-alpp għal Android ‘Ħruġ mill-UE: Verifika tad-Dokumenti tal-Identità’ biex tiskenja d-dokument tiegħek jekk għandek wieħed minn dawn li ġejjin:

  • passaport jew karta tal-identità, jekk hija bijometrika, tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru/a
  • karta ta’ residenza bijometrika maħruġa mir-Renju Unit Inkella teħtieġ tibgħat id-dokumenti tiegħek bil-posta.

Tista’ tuża mowbajl Android ta’ xi ħadd ieħor biex tagħti prova tal-identità tiegħek. Tista’ wkoll iżżur waħda mill-organizzazzjonijiet li joffru li jiskenjaw id-dokument tiegħek għalik. Tkun teħtieġ tibbukkja appuntament u jista’ jkollok tħallas miżata.

L-app ‘Verfika tad-Dokument tal-Identità’ se tkun disponibbli għall-iPhone sat-tmiem tal-2019.

Ibgħat id-dokument tiegħek bil-posta

Trid tibgħat id-dokument tiegħek bil-posta jekk għandek:

  • passaport mhux tal-UE jew taż-ŻEE
  • permess ta’ residenza bijometriku
  • karta tal-identità mhux bijometrika

Jekk għandek dokument tal-identità ieħor, tista’ tibagħtu bil-posta jekk ma tistax tuża l-app ‘Verifika tad-Dokument tal-Identità’.

Tirċievi d-dokument tiegħek lura hekk kif jiġi skenjat. Dan jista’ jkun qabel ma tirċievi d-deċiżjoni tiegħek.

Prova ta’ residenza kontinwa

Biex tkun eliġibbli għal status ta’ stabbilit, normalment teħtieġ li tkun għext fir-Renju Unit, iċ-Channel Islands jew l-Isle of Man għal tal-inqas 6 xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar għal 5 snin wara xulxin. Teħtieġ tipprovdi prova ta’ dan meta tapplika.

Jekk ma għextx hawn għal 5 snin wara xulxin, tista’ xorta tkun eliġibbli għal status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit:

Tista’ tagħti n-numru tas-Sigurtà Soċjali tiegħek biex tippermetti verifika awtomizzata tar-residenza tiegħek abbażi tar-rekords tat-taxxa u ċerti benefiċċji.

Jekk din il-verifika tirnexxi, ma tkunx meħtieġ tipprovdi dokumenti bħala prova ta’ residenza. Tkun meħtieġ/a tipprovdi dokumenti jekk tkun ilek hawn għal 5 snin wara xulxin iżda ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex tikkonferma dan. L-Uffiċċju tal-Intern jinfurmak immedjatament wara li tapplika jekk tkun meħtieġ tipprovdi xi dokumenti. Għandek tissottometti ritratti jew scans tad-dokumenti tiegħek permezz tal-formola tal-applikazzjoni online, minflok tibgħathom bil-posta.

Ara liema dokumenti tista’ tipprovdi lill-Uffiċċju tal-Intern jekk tintalab tipprovdi aktar evidenza.

Jekk għandek kundanni kriminali

Jekk għandek 18-il sena jew aktar, l-Uffiċċju tal-Intern jiċċekkja jekk wettaqtx reati serji jew ripetuti, u li m’intix ta’ theddida tas-sigurtà.

Tiġi mistoqsi/ja biex tiddijara sentenzi li jidhru fir-rekord kriminali tiegħek fir-Renju Unit u barra mill-pajjiż.

Ma teħtieġx li tiddikjata ebda minn dawn li ġejjin:

  • sentenzi li ma jeħtieġux li jiġu żvelati (‘sentenzi li għaddew’)
  • twissijiet (‘kawzjonijiet’)
  • alternattivi għall-prosekuzzjoni, pereżempju multi għal veloċità fis-sewqan

Tiġi vverifikat fid-databases tal-kriminalità tar-Renju Unit.

Xorta tkun eliġibbli għall-istatus ta’ stabbilit jew li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit jekk ġejt mogħti sentenza għal reat minuri.

Xorta tingħata l-istatus ta’ stabbilit jew l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit anke jekk għandek kundanni oħra. Dan jiġi ġġudikat fuq bażi ta’ każ b’każ.

Jekk kont il-ħabs, normalment teħtieġ residenza kontinwa ta’ 5 snin mid-data minn meta ġejt rilaxxat biex tiġi kkunsidrat għall-istatus ta’ stabbilit.

Jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera

Normalment tkun teħtieġ tipprovdi prova tar-relazzjoni tiegħek mal-membru tal-familja mill-UE, iż-ŻEE jew l-Iżvizzera.

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Applika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE

L-iskema hija miftuħa - tista’ tapplika issa jekk int eliġibbli.

Tista’ wkoll tagħżel biex tapplika aktar tard skont iċ-ċirkostanzi tiegħek.

Id-data ta’ skadenza biex tapplika se tkun it-30 ta’ Ġunju 2021, jew il-31 ta’ Diċembru 2020 jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.

Tista’ tapplika billi tuża kwalunkwe tagħmir, pereżempju, laptop, tagħmir Android jew iPhone. Iċċekkja x’taħtieġ qabel ma tapplika.

L-Uffiċċju tal-Intern juża l-informazzjoni personali li tipprovdi biex jiddeċiedi jekk jaċċettax l-applikazzjoni tiegħek. Ara kif l-Uffiċċju tal-Intern se jipproċessa l-informazzjoni personali tiegħek.

Kompli bl-applikazzjoni tiegħek

Jekk diġà bdejt tapplika, tista’ tkompli bl-applikazzjoni tiegħek.

Min ma jistax juża dan is-servizz

Ma tistax tuża s-servizz online biex tapplika għall-iskema jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera u qed tapplika bħala:

  • il-membru tal-familja ta’ ċittadin Brittaniku li għext miegħu/magħha fl-Iżvizzera jew f’pajjiż tal-UE jew taż-ŻEE li mhux ir-Renju Unit
  • il-membru tal-familija ta’ ċittadin Brittaniku li għandu wkoll ċittadinanza tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzera u li għex fir-Renju Unit bħala ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru qabel ma kiseb iċ-ċittadinanza Brittanika
  • il-carer primarju ta’ ċittadin Brittaniku, tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru
  • it-tifel/tifla ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li kien jgħix u jaħdem fir-Renju Unit, u qiegħed/qiegħda fis-sistema edukattiva - jew int il-carer primarju tat-tifel/tifla

Ċempel liċ-Ċentru tar-Riżoluzzjonijiet għall-Kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Resolution Centre) biex issir taf kif tapplika. Tiġi mistoqsi ftit mistoqsijiet fuq it-telefown qabel ma tintbagħtlek formola ta’ applikazzjoni.

Miżati

Ma tridx tħallas biex tapplika għall-iskema.

Jekk ħallast miżata meta applikajt għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE, tingħata rimborż.

Ikseb għajnuna

Tista’ tikseb għajnuna bl-applikazzjoni tiegħek fuq it-telefown jew online. In-numru tat-telefown huwa differenti jekk int minn kunsill lokali jew organizzazzjoni oħra li tgħin lil oħrajn biex japplikaw.

Jekk tinsab fir-Renju Unit

Telefown: 0300 123 7379

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa (esklużi btajjel tal-bank), mit-8am sat-8pm

Is-Sibt u l-Ħadd, mid-9.30am sal-4.30pm

Aktar tagħrif dwar tariffi tat-telefonati

Jekk tinsab barra mir-Renju Unit

Telefown: +44 (0)203 080 0010

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa (esklużi btajjel tal-bank), mit-8am sat-8pm

Is-Sibt u l-Ħadd, mid-9.30am sal-4.30pm

Jekk int minn organizzazzjoni li tgħin lil oħrajn biex japplikaw

Telefown: 0300 790 0566

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa (esklużi btajjel tal-bank), mit-8am sat-8pm

Is-Sibt u l-Ħadd, mid-9.30am sal-4.30pm

Aktar tagħrif dwar tariffi tat-telefonati

Uża l-formola ta’ kuntatt tal-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme) biex tikseb għajnuna online.

Tista’ tikseb appoġġ fuq it-telefown jew personalment jekk teħtieġ l-għajnuna biex tagħmel l-affarijiet online.

Jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera

Tkun tista’ tapplika jekk:

  • int membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru
  • int il-membru tal-familja ta’ ċittadin Brittaniku u li għextu flimkien barra mir-Renju Unit f’pajjiż taż-ŻEE
  • int il-membru tal-familija ta’ ċittadin Brittaniku li għandu wkoll ċittadinanza tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzera u li għex fir-Renju Unit bħala ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru qabel ma kiseb iċ-ċittadinanza Brittanika
  • kellek membru tal-familja tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru jgħix fir-Renju Unit
  • int il-carer primarju ta’ ċittadin Brittaniku, tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru
  • int it-tifel/tifla ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li kien jgħix u jaħdem fir-Renju Unit jew il-carer primarju tat-tifel/tifla

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Jekk int membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru

Tista’ tapplika jekk tinsab f’relazzjoni ma’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera bħala l-konjuġi, is-sieħeb reġistrat jew is-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu.

Tista’ tapplika wkoll jekk int relatat ma’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tagħhom bħala:

  • il-wild, neputi jew neputija, jew il-proneputi jew proneputija taħt il-21 sena
  • wild dipendenti li għandu aktar minn 21 sena
  • ġenitur, nannu jew nanna, jew bużnannu jew bużnanna dipendenti
  • qarib dipendenti

Il-membru tal-familja tiegħek tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera normalment jeħtieġ japplika wkoll.

Tista’ tapplika jekk int membru tal-familja ta’ ċittadin Irlandiż, avolja m’hemmx bżonn li tagħmel dan.

Jekk int eliġibbli peress li int il-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru, tista’ tapplika billi tuża s-servizz online.

Jekk il-membru tal-familja tiegħek huwa ċittadin Brittaniku (applikazzjonijiet ‘Surinder Singh’)

Tista’ tkun eliġibbli jekk għext barra mir-Renju Unit f’pajjiż tal-UE jew taż-ŻEE (jew Żvizzeru) mal-membru tal-familja tiegħek, u int:

  • miżżewweġ/miżżewġa ma’ jew fi sħubija ċivili miegħu/magħha
  • għandek inqas minn 21 sena, u int tifel/tifla jew neputi/ja
  • għandek 21 sena jew aktar, u int it-tifel/tifla jew neputi/ja dipendenti tiegħu/tagħha
  • il-ġenitur jew nannu/nanna dipendenti tiegħu/tagħha

Il-pajjiż fejn għextu flimkien irid ikun ir-residenza primarja tiegħek. Il-membru tal-familja Brittaniku tiegħek kien ukoll qiegħed jaħdem, jistudja jew kien awtosuffiċjenti fil-pajjiż waqt li kien hemm.

Ma tistax tuża s-servizz online biex tapplika jekk dan huwa kif tikkwalifika għall-iskema. Teħtieġ iċċempel liċ-Ċentru tar-Riżoluzzjonijiet għall-Kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Resolution Centre) biex issir taf kif tapplika. Tiġi mistoqsi ftit mistoqsijiet fuq it-telefown qabel ma tintbagħtlek formola ta’ applikazzjoni.

Jekk kellek membru tal-familja tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li kien jgħix fir-Renju Unit

Jista’ jkun li tista’ tapplika jekk kellek membru tal-familja li kien jgħix fir-Renju Unit. Dan jissejjaħ “dritt ta’ residenza ritenut”.

Jekk int eliġibbli peress illi għandek drittijiet ta’ residenza ritenuti, tista’ tapplika billi tuża s-servizz online.

Jekk qed tistudja fir-Renju Unit

Tista’ tapplika jekk qed tistudja fir-Renju Unit u waħda minn dawn li ġejjin hija vera:

  • int it-tifel/tifla ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li telaq mir-Renju Unit jew miet
  • wieħed mill-ġenituri tiegħek huwa l-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li telaq mir-Renju Unit jew miet
  • wieħed mill-ġenituri tiegħek qabel kien il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li telaq mir-Renju Unit jew miet

Jekk tikkwalifika permezz ta’ kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi, il-ġenitur tiegħek huwa wkoll eliġibbli, sakemm għandhom kustodja għalik.

Jekk membru tal-familja tiegħek miet

Tista’ tapplika wkoll jekk il-membru tal-familja tiegħek miet, u għext kontinwament fir-Renju Unit bħala l-membru tal-familja tiegħu għal tal-inqas sena immedjatament qabel il-mewt tiegħu.

Jekk qabel kont miżżewweġ jew sħubija ċivili

Tista’ tapplika wkoll jekk iż-żwieġ jew is-sħubija ċivili tiegħek ma’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru ntemm f’divorzju, annullament jew dissoluzzjoni, u għext fir-Renju Unit meta ntemm.

Trid tapplika wkoll waħda minn dawn li ġejjin:

  • iż-żwieġ jew is-sħubija ċivili damet tal-inqas 3 snin u t-tnejn kontu qed tgħixu fir-Renju Unit tal-inqas sena matul dak iż-żmien
  • għandek il-kustodja ta’ tifel//tifla taċ-ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru
  • ingħatajt id-dritt tal-aċċess fir-Renju Unit għal tifel/tifla ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru – it-tfal iridu jkunu taħt it-18-il sena
  • għandek id-dritt li toqgħod fir-Renju Unit peress illi kont il-vittma ta’ abbuż domestiku fiż-żwieġ jew sħubija ċivili

Jekk int il-carer primarju ta’ ċittadin Brittaniku, tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru

Jista’ jkun li tkun tista’ tapplika jekk int il-carer primarju ta’ ċittadin Brittaniku, tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li jgħix fir-Renju Unit. Tfal dipendenti li għandek jista’ jkun li jistgħu japplikaw ukoll.

Biex tkun il-carer primarju ta’ xi ħadd, trid tkun kemm:

  • responsabbli għall-kura tagħhom ta’ kuljum, inkluż li tiegħu deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-finanzi tagħhom
  • membru tal-familja jew it-tutur legali tagħhom

Tista’ taqsam dawn ir-responsabbiltajiet ma’ xi ħadd ieħor.

Ma tistax tuża s-servizz online biex tapplika jekk dan huwa kif tikkwalifika għall-iskema. Teħtieġ iċċempel liċ-Ċentru tar-Riżoluzzjonijiet għall-Kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Resolution Centre) biex issir taf kif tapplika. Tiġi mistoqsi ftit mistoqsijiet fuq it-telefown qabel ma tintbagħtlek formola ta’ applikazzjoni.

Jekk int il-carer primarju ta’ adult

Tista’ tapplika jekk int il-carer primarju ta’ adult dipendenti li huwa ċittadin Brittaniku.

Jekk int il-carer primarju ta’ tifel/tifla

Tista’ tapplika jekk int il-carer primarju ta’ tifel/tifla Brittaniku/a, jew tifel/tifla tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li huwa indipendenti finanzjarjament.

Tista’ tapplika wkoll jekk int il-carer primarju ta’ tifel/tifla tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li:

  • qiegħed jistudja/qiegħda tistudja fir-Renju Unit
  • għandu/għandha ġenitur mill-UE, iż-ŻEE jew l-Iżvizzera li ħadem fir-Renju Unit meta t-tifel/tifla għex/et fir-Renju Unit
  • għandu/għandha ġenitur tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li għex fir-Renju Unit meta t-tifel/tifel kien jistudja/kienet tistudja
  • għandu/għandha ġenitur tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li ma baqax jaħdem fir-Renju Unit jew li telaq mir-Renju Unit

X’teħtieġ biex tapplika

Jeħtieġ li tipprovdi prova tar-relazzjoni tiegħek mal-membru tal-familja taċ-ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru tiegħek - pereżempju, ċertifikat tat-twelid, taż-żwieġ jew ta’ sħubija reġistrata, jew karta ta’ residenza. Tista’ tiskenja u tissottometti dan permezz tal-formola tal-applikazzjoni online.

Jekk tapplika qabel il-membru tal-familja tiegħek, tkun teħtieġ ukoll tipprovdi evidenza tal-identità u r-residenza tagħhom.

Ma teħtieġx li tipprovdi evidenza jekk għandek “dokument ta’ residenza permanenti tar-Renju Unit” validu.

Jekk m’għandekx karta ta’ residenza bijometrika, tintalab tagħmel appuntament ma’ punt tas-servizzi tal-UK Visa and Citizenship Application Services (UKVCAS) biex tipprovdi l-informazzjoni bijometrika tiegħek (il-marki tas-swaba’ u ritratt tiegħek, jew ritratt jekk għandek inqas minn 5 snin) meta tapplika.

Meta teħtieġ tagħti aktar evidenza

F’xi każijiet, tkun meħtieġ ukoll tagħti l-istess dokumenti bħal li kieku se tapplika għal karta ta’ residenza.

Iċċekkja liema dokumenti kieku tagħti għall-applikazzjoni għal karta ta’ residenza jekk:

Meta tapplika

L-iskema issa hija miftuħa. Id-data ta’ skadenza biex tapplika hija t-30 ta’ Ġunju 2021, ħlief f’xi ftit każijiet.

Huwa probabbli li tingħata deċiżjoni aktar malajr jekk tapplika fl-istess ħin jew wara li japplika l-membru tal-familja tiegħek.

Il-membru tal-familja tiegħek jingħata numru tal-applikazzjoni meta japplika. Tista’ tuża dan biex tillinkja l-applikazzjoni tiegħek ma’ tagħhom, biex l-applikazzjonijiet tiegħek jiġu kkunsidrati flimkien.

Jekk int il-carer primarju ta’ ċittadin Brittaniku

Tista’ tapplika mill-1 ta’ Mejju 2019.

Jekk int il-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera li miet.

Tista’ tkun eliġibbli għal status ta’ stabbilit qabel ma tkun qed tgħix fir-Renju Unit għal 5 snin.

Il-membru tal-familja tiegħek irid ikun kien jaħdem jew jaħdem għal rasu fir-Renju Unit, iċ-Channel Islands jew l-Isle of Man meta jkun miet. Trid tkun ukoll kont qed tgħix miegħu qabel il-mewt tiegħu u jekk:

  • kien jgħix kontinwament fir-Renju Unit, iċ-Channel Islands jew l-Isle of Man għal tal-inqas sentejn qabel il-mewt tiegħu
  • il-mewt tiegħu kien riżultat ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol jew marda okkupazzjonali

Jekk tinsab barra mill-pajjiż u int membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera li jgħix fir-Renju Unit

Jekk l-UE toħroġ mill-UE bi ftehim u ma tkunx ġejt toqgħod fir-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 2020, tkun tista’ tapplika biex tingħaqad mal-membru tal-familja tiegħek hawn wara dik id-data jekk japplikaw dawn kollha li ġejjin:

  • il-membru tal-familja tiegek għandu status ta’ stabbilit jew status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit
  • ir-relazzjoni tagħkom bdiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2020
  • int għadek membru tal-familja qarib, pereżempju konjuġi, sieħeb reġistrat, sieħeb mhux miżżewweġ, wild jew neputi dipendenti, jew ġenitur jew nanniet dipendenti

Jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim id-data ta’ skadenza biex int tingħaqad mal-membru tal-familja tiegħek fir-Renju Unit hija d-29 ta’ Marzu 2022.

Jekk għandek residenza permanenti jew awtorizzazzjoni indefinita għad-dħul jew għar-residenza

Il-proċess biex tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme) huwa differenti jekk għandek dokumenti ta’ residenza permanenti jew awtorizzazzjoni indefinita għad-dħul jew għar-residenza.

Jekk għandek “dokument ta’ residenza permanenti tar-Renju Unit” validu

Jekk għandek dokument ta’ residenza permanenti tar-Renju Unit validu, ikollok wieħed minn dawn li ġej:

  • ċertifikat fil-ktejjeb blu tad-”dokumentazzjoni ta’ residenza” tiegħek (jew roża jekk it ċittadin Żvizzeru)
  • ċertifikat fil-passaport tiegħek
  • karta ta’ residenza bijometrika li tikkonferma residenza permanenti (biss jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera)

Id-dokument tiegħek mhux dokumenti ta’ residenza permanenti jekk għandu “ċertifikat ta’ reġistrazzjoni” miktub fuqu.

Jekk int mill-UE, miż-ŻEE jew mill-Iżvizzera, id-dokument ta’ residenza permanenti tiegħek ikollu “Dokument li Jiċċertifika Residenza Permanenti”.

Jekk m’intix ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, il-karta ta’ residenza bijometrika tiegħek ikollha “Status ta’ Residenza Permanenti”.

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

X’għandek tagħmel

Biex tkompli tgħix fir-Renju Unit wara t-30 ta’ Ġunju 2021, trid jew:

  • tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE - ma teħtieġx tagħti prova li għadek residenza kontinwa ta’ 5 snin
  • tapplika għal ċittadinanza qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 (jew il-31 ta’ Diċembru 2020 jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim)

Jekk għandek awtorizzazzjoni indefinita għad-dħul jew għar-residenza

Awtorizzazzjoni indefinita għad-dħul jew għar-residenza (ILR) huma tipi ta’ status ta’ immigrazzjoni.

Normalment tkun applikajt għall-awtorizzazzjoni indefinita għar-residenza.

Ikollok timbru fil-passaport tiegħek jew ittra mill-Uffiċċju tal-Intern. Jista’ jkollok ukoll “vignette” (sticker) jew permess ta’ residenza bijometriku.

Tista’ tkompli tgħix fir-Renju Unit mingħajr ma tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme) jekk għandek awtorizzazzjoni indefinita għar-residenza jew għad-dħul fir-Renju Unit. Madankollu, jekk tagħżel li tapplika (u tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra kollha), tingħata “awtorizzazzjoni indefinita għar-residenza taħt l-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme)” - magħrufa wkoll bħala status ta’ stabbilit (settled status).

Dan ifisser li għandek tkun tista’ tqatta’ sa 5 snin wara xulxin barra mir-Renju Unit mingħajr ma titlef l-istatus ta’ stabbilit tiegħek (minflok is-sentejn li għandek issa bl-awtorizzazzjoni indefinita għad-dħul jew għar-residenza).

Jekk int ċittadin Żvizzeru, int u l-membri tal-familja tiegħek tistgħu tqattgħu sa erba’ snin wara xulxin barra mir-Renju Unit mingħajr ma titilfu l-istatus ta’ stabbilit tagħkom.

Ma tkunx meħtieġ tagħti prova li għandek residenza kontinwa ta’ 5 snin.

Jekk ġejt toqgħod fir-Renju Unit qabel ma dan ingħaqad mal-UE fl-1 ta’ Jannar 1973

Jista’ jkun li tingħata ILR awtomatikament jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru li għext fir-Renju Unit qabel l-1973. Jekk dan huwa hekk, ma teħtieġx li tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme) biex toqgħod fir-Renju Unit wara Ġunju 2021.

Jekk m’għandekx dokument li jikkonferma l-istatus ILR tiegħek, tista’ jew:

Jekk int minn Malta jew Ċipru, tista’ tapplika wkoll għaċ-ċittadinanza Brittanika permezz tal-iskema Windrush.

L-applikazzjonijiet għaż-żewġ skemi huma bla ħlas.

Jekk qed tapplika għat-tifel/tifla tiegħek

Tista’ tapplika għal status ta’ stabbilit jew għall-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit (settled or pre-settled status) għat-tifel/tifla tiegħek jekk għandu/għandha inqas minn 21 sena u, jew:

  • huma ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeri
  • mhumiex ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeri, iżda inti hekk – jew il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat huwa hekk

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

It-tfal tiegħek jistgħu japplikaw għalihom infushom.

Jekk int applikajt għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme)

Tkun tista’ ‘tikkombina’ l-applikazzjoni tat-tfal tiegħek ma’ tiegħek, billi tuża n-numru tal-applikazzjoni li rċevejt meta applikajt għalik innifsek.

Tista’ tagħmel dan meta trid wara li tkun applikajt - m’hemmx bżonn li tistenna sakemm tittieħed deċiżjoni.

Tista’ tuża l-indirizz elettroniku tiegħek stess fl-applikazzjoni jekk it-tfal tiegħek m’għandhomx wieħed.

Jekk l-applikazzjoni tiegħek stess tirnexxi, it-tfal tiegħek jingħataw l-istess status tiegħek.

Tkun meħtieġ tagħmel dan għal kull tifel/tifla li tixtieq tapplika għalih/a.

Xi provi teħtieġ

Teħtieġ tipprovdi prova tar-relazzjoni tiegħek mat-tifel/tifla tiegħek meta tapplika.

Ma tkunx meħtieġ tipprovdi prova tar-residenza tat-tifel/tifla tiegħek fir-Renju Unit. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Intern jista’ jitolbok prova tar-residenza qabel ma jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħek.

Jekk m’applikajtx għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme)

Jekk int eliġibbli għall-iskema, forsi jkun aktar faċli li tagħmel l-applikazzjoni tiegħek stess qabel ma tapplika għat-tfal tiegħek.

Inkella, tkun meħtieġ tipprovdi prova li t-tfal tiegħek għandhom residenza kontinwa ta’ 5 snin fir-Renju Unit biex ikunu eliġibbli għal status ta’ stabbilit (settled status) - jew it-tfal tiegħek ikunu jeħtieġu japplikaw għalihom infushom.

Jekk ma jkunux għexu fir-Renju Unit għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin, huma jistgħu jkunu eliġibbli għal status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit (pre-settled status).

Jekk m’intix eliġibbli għall-iskema iżda t-tfal tiegħek huma eliġibbli, pereżempju, għaliex jgħixu fir-Renju Unit u inti le, xorta tista’ tapplika għalihom. Tkun teħtieġ tagħti prova tar-residenza tagħhom fir-Renju Unit.

Jekk int ċittadin Irlandiż

Ma teħtieġx tapplika għal status ta’ stabbilit jew status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit (settled or pre-settled status) jekk int ċittadin Irlandiż.

Iżda, jekk int ċittadin Irlandiż u t-tfal tiegħek mhumiex ċittadini Brittaniċi, huma jkunu eliġibbli għal, jew:

  • l-istess status li tista’ tikseb, abbażi ta’ kemm ilek tgħix fir-Renju Unit
  • status ta’ stabbilit jew status li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit (settled or pre-settled status), abbażi tar- residenza tagħhom stess

Jekk tieqaf taħdem jew tibda taħdem f’pajjiż tal-UE ieħor

Int u l-membri tal-familja tiegħek tistgħu tingħataw status ta’ stabbilit b’inqas minn residenza kontinwa ta’ 5 snin f’ċerti sitwazzjonijiet.

Jekk tieqaf taħdem

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera tista’ tingħata status ta’ stabbilit jekk ikollok tieqaf taħdem jew li tkun impjegat għal rasek minħabba inċident jew mard (magħrufa bħala “inkapaċità permanenti”).

Iż-ŻEE tinkludi l-pajjiżi tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Tkun tista’ tingħata status ta’ stabbilit jekk:

  • għext kontinwament fir-Renju Unit għas-sentejn preċedenti immedjatament
  • l-inkapaċità permanenti kienet ir-riżultat ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol jew marda okkupazzjonali li tintitolak għal pensjoni minn istituzzjoni tar-Renju Unit

Tista’ wkoll tingħata status ta’ stabbilit jekk int miżżewweġ jew tinsab fi sħubija reġistrata ma’ ċittadin Brittaniku.

Jekk int il-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera fiż-żmien meta jieqaf jaħdem, tista’ tkun eliġibbli wkoll għall-istatus ta’ stabbilit.

Jekk tilħaq l-età tal-Pensjoni tal-Istat jew tirtira kmieni

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, tkun tista’ tingħata status ta’ stabbilit jekk tilħaq l-età tal-Pensjoni tal-Istat jew tirtira kmieni.

Jekk int il-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera meta jilħaq l-età tal-Pensjoni tal-Istat jew jirtira kmieni, tista’ tkun eliġibbli wkoll għall-istatus ta’ stabbilit.

Jekk tilħaq l-età tal-Pensjoni tal-Istat

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, tista’ tingħata status ta’ stabbilit jekk waqaft taħdem meta lħaqt l-età tal-Pensjoni tal-Istat u jew:

  • ħdimt kontinwament jew kont taħdem għal rasek għal sena qabel u għext kontinwament fir-Renju Unit għal 3 snin
  • il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħek huwa ċittadin Brittaniku

Jekk tirtira kmieni

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, tista’ tingħata status ta’ stabbilit jekk tirtira kmieni u jew:

  • ħdimt kontinwament (għal xi ħadd ieħor għajr int stess) għal sena qabel u għext kontinwament fir-Renju Unit għal 3 snin
  • il-konjuġi jew is-sieħeb reġistrat tiegħek huwa ċittadin Brittaniku

Jekk tibda taħdem jew taħdem għal rasek f’pajjiż tal-UE ieħor

Jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, tista’ tingħata status ta’ stabbilit jekk tibda taħdem jew taħdem għal rasek f’pajjiż ieħor tal-UE u:

  • għext u ħdimt jew kont taħdem għal rasek fir-Renju Unit kontinwament għal 3 snin qabel dan
  • normalment tmur lura lejn darek fir-Renju Unit darba fil-ġimgħa

Jekk int il-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera fiż-żmien meta jibda jaħdem jew jaħdem għal rasu f’pajjiż ieħor tal-UE, tista’ tkun eliġibbli wkoll għall-istatus ta’ stabbilit.

Wara li tkun applikajt

Jekk l-applikazzjoni tiegħek tgħaddi, int tingħata l-istatus ta’ stabbilit jew l-istatus li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit.

Ara xi drittijiet tingħata għal kull status.

Kif tara u tagħti prova tal-istatus tiegħek

Jekk jirnexxielek tapplika, l-Uffiċċju tal-Intern jibgħatlek email b’link għal servizz online li tista’ tuża biex tara u tagħti prova tal-istatus tiegħek.

Ma tingħatax dokument fiżiku ħlief jekk japplikaw dawn it-tnejn li ġejjin:

Tista’ taqra aktar informazzjoni dwar kif tara u tagħti prova tal-istatus tiegħek.

Xorta tista’ tagħti prova tad-drittijiet tiegħek fir-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 2020 bil-passaport jew bil-karta tal-identità nazzjonali tiegħek (jekk int ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera), jew bid-dokument ta’ residenza bijometriku tiegħek.

Kif taġġorna d-dettalji tiegħek

Trid iżżomm id-dettalji tiegħek aġġornati, pereżempju jekk tikseb passaport ġdid.

Kif tapplika għaċ-ċittadinanza

Normalment tkun tista’ tapplika għaċ-ċittadinanza 12-il xahar wara li tkun ksibt l-istatus ta’ stabbilit (settled status).

Jekk ħallast għall-applikazzjoni tiegħek

Jekk ħallast il-miżata meta applikajt għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme), tingħata rimborż.

Jekk l-Uffiċċju tal-Intern isib żball fl-applikazzjoni tiegħek

L-Uffiċċju tal-Intern jikkuntattjak qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħek, biex tkun tista’ tikkorreġi l-iżball.

Jgħidulek ukoll jekk teħtieġx tipprovdi aktar evidenza qabel ma jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni.

Jekk l-applikazzjoni tiegħek ma tirnexxix

Tkun tista’ tapplika għal reviżjoni amministrattiva tad-deċiżjoni.

Bħalissa ma tistax tappella d-deċiżjoni.

Tista’ terġa’ tapplika meta trid sat-30 ta’ Ġunju 2021, jew sal-31 ta’ Diċembru 2020 jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.

Jekk diġà għandek applikazzjoni tal-immigrazzjoni pendenti

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-applikazzjoni tal-immigrazzjoni pendenti tiegħek ma tiġix ikkunsidrata jekk tapplika għall-Iskema għall-kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE. Tingħata rimborż għall-applikazzjoni pendenti tiegħek.

Ikkuntattja lid-dipartiment tal-Viżi u Immigrazzjoni tar-Renju Unit (UK Visas and Immigration - UKVI) biex issir taf kif l-applikazzjoni tal-immigrazzjoni pendenti tiegħek se tiġi affettwata.

Aktar gwida dettaljata hija disponibbli.

Published 30 March 2019
Last updated 27 August 2019 + show all updates
  1. German language translation added.
  2. Translated guidance updated.
  3. Added translation
  4. Icelandic language added.
  5. Added translation